
Eddie Fenech Adami, Louis Galea u Gorg Borg Olivier fl-1978 *
“Konna żgħażagħ, bix-xagħar u l-barbetti twal skond il-moda taż-żmien.” Hekk jibda, tipikament, artikluieħor ta’ Joe Cassar fis-sensiela li qed jippubblika illum (1 ta’ Ġunju 2008). Il-pinna ta’ Joe “Peppinu” Cassar ma għandhiex bżonn ta’ introduzzjoni għal min hu midħla ta’ l-istorja politika ta’ pajjiżna speċjalment tal-perjodu ta’ bejn l-Independenza u d-disgħinijiet. Cassar kellu sehem importanti fit-trasformazzjoni tal-Partit Nazzjonalista minn wieħed ta’ numru ristrett ħafna ta’ notabbli (notables) ta’ xeħta konservattiva għall-partit tal-massa.
Tista’ tgħid li fil-konfront ta’ sħabu fil-Partit Nazzjonalista, Peppinu jinstab fix-xellug. F’kuntest nazzjonali, jinstab fiċ-Ċentru Xellug. Biex niftiehmu, kieku kellna niflu sewwa sew l-ideat tiegħu kif immaturaw matul il-vjaġġg ta’ ħajtu fil-politika, x’aktarx li naslu għall-konkluzzjoni li hemm bosta personalitajiet fi ħdan il-Partit Laburista li l-ideat tagħhom huma kważi ċertament fuq in-naħa tal-Lemin ta’ Cassar. Din m’hix xi ħaġa ta’ l-għaġeb. Ebda partit ma jista’ jkun ideoloġikament omoġeneu u monolitiku. Kull partit, xellugi jew lemini, għandu fi ħdanu kurrenti xellugin u oħrajn leminin.
Forsi għalhekk li l-Perit Mintoff kellu ċertu simpatija lejh. Joe Cassar jiftakar li: “Mintoff u missieri kienu ħbieb sewwa. Politikament qatt ma qablu. Dik il-lejla iddubbajt programm tal-Partit Laburista li tlabt lil Mintoff jiffirmali. Staqsieni biex kont sejjer lura d-dar. Meta għidtlu li b’tal-linja offrieli li jwassalni. Salvu Sant għafas kemm felaħ imma jien u Mintoff wasalna Ħal Tarxien qawwijin u sħaħ. Ġriet l-aħbar fil-PN li l-Perit Dom Mintoff wassal lil Peppinu Cassar id-dar.” (Illum, 24 Frar 2008).
Kif konna qed ngħidu, erbat ijem ilu, Joe Cassar ippubblika artiklu intitolat “L-għażla ta’ mexxej” , dwar kif kien intgħazel Eddie Fenech Adami bħala kap tal-Partit Nazzjonalista f’Jannar ta’ l-1977. Ma nafx jekk il-fatt li dan l-artiklu ħareġ proprju f’dawn il-ġranet kienx maħsub għal ta’ l-apposta jew kinitx koinċidenza.
In-narrattiva hija ambjentata fil-perjodu 1971-1977 u ssib il-qofol tagħha f’Jannar ta’ l-1977. Fl-1971, il-PN immexxi minn George Borg Olivier, kien tilef l-elezzjoni wara disa’ snin fil-gvern. Fl-1976, dejjem taħt it-tmexxija ta’ Borg Olivier, il-PN reġa’ tilef. Kien jidher ċar li mingħajr bidla fit-tmexxija u mingħajr tiġdid mill-qiegħ, il-Partit Nazzjonalista kien sejjer lejn telfa elettorali oħra. L-inizjattiva ta’ Mintoff biex tinbidel il-Kostituzzjoni biex Malta ssir Repubblika ippreċipitat il-kriżi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. “Sploda kollox,” jiftakar Joe Cassar.
Il-bidla fil-Kostituzzjoni fuq kwistjoni daqshekk fondamentali bħad-dikjarazzjoni ta’ Malta bħala Repubblika ma setgħetx isseħħ b’maġġoranza sempliċi iżda riedet bilfors il-kunsens ta’ tnejn minn kull tlieta tad-deputati fil-Parlament Malti. Fil-bidu n-Nazzjonalisti kienu kontra li jintemm l-ordinament monarkiku ta’ pajjizna (fejn ir-Reġina tal-Commonwealth kienet il-Kap ta’ Stat u rappreżentata minn Gvernatur) biex Malta ssir Repubblika. Wara, iżda, ħadu atteġġjament aktar kostruttiv.
“Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr. Gorg Borg Olivier ta vot liberu lill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti meta l-Kostituzzjoni l-ġdida ġiet għall-approvazzjoni tal-Kamra biex tkun tista’ tgħaddi mit-Tielet Qari. Dan kien nhar it-13 ta’ Dicembru 1974. Minn parlament ta’ 55 membru, ivvotaw favur 49 u sitta astjenew. Dawn ta’ l-aħħar kienu s-sitt membri Nazzjonalisti, Dr. Gorg Borg Olivier, Dr. Paolo Borg Olivier, Dr. Albert Borg Olivier de Puget, Dr. Alex Cachia Zammit, Dr. Alfred Bonnici u Dr. Joseph Cassar Galea. Ivvotaw favur id-29 membru Laburista u l-20 membru Nazzjonalista. ” [Remig Sacco, L-Elezzjonijet Ġenerali 1849-1986, Klabb Kotba Maltin 1986, p. 247].
Borg Olivier, f’din l-okkazjoni, kien stqarr: “Li nivvotaw skond il-kuxjenza ma jfissirx li għandna ninqasmu, la l-Kamra m’għandha ssir atmosfera ta’ mibgħeda u lanqas il-Partiti, għax kulħadd għandu jagħmel dak li jħoss.” [ikkwotat f’Sacco, p.247]. Imma, evidentement, fi ħdan il-Partit Nazzjonalisti l-għazla ta’ Gorg Borg Olivier li jivvota kontra l-Kostituzzjoni l-ġdida u, għalhekk, kontra l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti li għażlu li jivvotaw favur, kellha konsegwenzi serji. Joe Cassar jinterpretah hekk: ”…il-vot gie jfisser sfiduċja fih mid-deputati tiegħu stess.” Beda proċess twil (sentejn sħaħ) u kumpless biex jinbidel il-kap tal-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar, fl-8 ta’ Diċembru 1976, il-Kunsill iddeċieda li jaħtar Kap Suċċessur.
Kien hemm tlett persuni papabbli. L-aktar anzjan kien Censu Tabone, li twieled fl-1913 u li, għalhekk, fl-1976 kellu 63 sena. Tabone kien Għawdxi imma l-ħajja politika tiegħu qattagħha Malta, bħala deputat għal tas-Sliema, San Gilljan, l-iMsida u l-Gżira. Warajh kien hemm Guido de Marco, Belti, li twieled fl-1931 u li, għalhekk, kellu 45 sena. L-iżgħar wieħed kien Eddie Fenech Adami, 42 sena, minn Birkirkara, imwieled fl-1934. Cassar jgħidilna li “Iż-żgħażagħ tal-partit kienu kważi kollha ma’ Eddie u organizzawlu l-kampanja. Sħaqna fuq il-ħtieġa ta’ bidla li twassal għal rebħa ta’ l-elezzjoni u tibdil mill-għeruq fl-ideali u l-ħsibijiet.”
Ma jidhirx li kien proċess pjacevoli u ta’ dibattitu amikevoli. Kienet taqbida politika ħarxa. Min jistgħaġeb ma għandu ebda idea ta’ x’inhi l-politika. L-attivisti ta’ madwar Eddie kienu fil-mira tal-kritika ta’ l-anzjani tal-PN: “Man-nies ta’ Gorg ma seta’ jsir l-ebda djalogu”, jiftakar Joe Cassar, “(u) lilna, l-aktar lili u lil Louis Galea, qatt ma rawna sbieħ.” Imma ż-żgħażagħ ta’ Eddie (li kienu jinkludu wkoll lil Noel Buttiġieġ Scicluna u John Camilleri) kienu fiduċjuzi, minkejja li s-segwaċi ta’ Borg Olivier kienu ser jivvotaw għal de Marco: “Bil-kalkoli li għamilna fhimna li Eddie kien se jirbaħ” . L-ewwel rawnd sar fit-2 ta’ Jannar 1977. Fenech Adami ġab il-maġġoranza tal-voti tal-Kunsilliera imma mhux iż-żewġ terzi meħtieġa.
Ir-rawnd ta’ wara kien bejn de Marco u Fenech Adami għaliex Tabone waqa’ fl-ewwel waħda. Parti mill-voti ta’ Tabone għaddew għand Fenech Adami. Fis-16 ta’ Jannar, de Marco u Tabone ddikjaraw li kienu se jivvotaw għall-Fenech Adami u b’hekk Eddie kiseb il-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi. Miktuba hekk tinstema ħaġa sempliċi, diskussjoni bejn il-galantomi. Imma anki jekk Cassar joqgħod attent kif jesprimi ruħu, huwa ċar li ma kienx proċess paċifiku. “Tlett xhur ta’ tbatija,” jgħidilna Peppinu Cassar.
Kos, immaġinaw kieku Cassar, Galea, Camilleri u Buttigieg Scicluna – iż-żgħażagħ ta’ madwar Fenech Adami – kellhom ibaxxu rashom għall-pressjoni kbira (politika u soċjali) li saritilhom biex ikun jista’ jirbaħ xi ħadd aktar stabbilit. Forsi, minflok Eddie, il-kap il-ġdid tal-PN wara Borg Olivier kien ikun Censu Tabone li, fl-elezzjoni ta’ l-1981 kien ikollu 68 sena. Cassar jgħidilna li kien hemm fil-fatt proposta min-naħa ta’ Tabone li jekk Fenech Adami ma jikkontestahx u jitla’ Tabone, dan kien eventwalment jgħaddilu t-tmexxija. “Hu (ċertu Cuschieri, portavuċi ta’ Tabone) qalli li Censu kien lest li jekk isir kap jibqa’ kap sakemm il-Partit jibqa’ fl-Oppożizzjoni u wara jħalli t-tmun f’idejn Eddie”.
Nota: Kull kwotazzjoni mill-kitba ta’ Joe Cassar, jekk mhux indikat mod ieħor, tirreferi għall-artiklu ta’ illum, 1 ta’ Gunju, 2008, p.9
* ‘Issellifna’ dan ir-ritratt mill-website ta’ Dr. Galea. Sibnih ftit minuti qabel ma’ hrigna online u ghalhekk ma’ kelniex cans niktbulu biex nitolbuh permess. Behsiebna nghamlu hekk minnufih, sadanittant nirringrazzjawh bil-quddiem.