Labour in labour

Re-inventing the Malta Labour Party (and Maltese politics): an unauthorised tazebao.

It-tbatija tat-tiġdid: ‘Peppinu’ Cassar dwar kif intgħażel Eddie Fenech Adami fl-1977

Posted by fcb on June 5, 2008

Eddie Fenech Adami, Louis Galea and Gorg Borg Olivier in 1978

Eddie Fenech Adami, Louis Galea u Gorg Borg Olivier fl-1978 *

 

 

Konna żgħażagħ, bix-xagħar u l-barbetti twal skond il-moda taż-żmien.” Hekk jibda, tipikament, artikluieħor ta’ Joe Cassar fis-sensiela li qed jippubblika illum (1 ta’ Ġunju 2008). Il-pinna ta’ Joe “Peppinu” Cassar  ma għandhiex bżonn ta’ introduzzjoni għal min hu midħla ta’ l-istorja politika ta’ pajjiżna speċjalment tal-perjodu ta’ bejn l-Independenza u d-disgħinijiet. Cassar kellu sehem importanti fit-trasformazzjoni tal-Partit Nazzjonalista minn wieħed ta’ numru ristrett ħafna ta’ notabbli (notables) ta’ xeħta konservattiva għall-partit tal-massa.

Tista’ tgħid li fil-konfront ta’ sħabu fil-Partit Nazzjonalista, Peppinu jinstab fix-xellug. F’kuntest nazzjonali, jinstab fiċ-Ċentru Xellug. Biex niftiehmu, kieku kellna niflu sewwa sew l-ideat tiegħu kif immaturaw matul il-vjaġġg ta’ ħajtu fil-politika, x’aktarx li naslu għall-konkluzzjoni li hemm bosta personalitajiet fi ħdan il-Partit Laburista li l-ideat tagħhom huma kważi ċertament fuq in-naħa tal-Lemin ta’ Cassar. Din m’hix xi ħaġa ta’ l-għaġeb. Ebda partit ma jista’ jkun ideoloġikament omoġeneu u monolitiku. Kull partit, xellugi jew lemini, għandu fi ħdanu kurrenti xellugin u oħrajn leminin.

Forsi għalhekk li l-Perit Mintoff kellu ċertu simpatija lejh. Joe Cassar jiftakar li: “Mintoff u missieri kienu ħbieb sewwa. Politikament qatt ma qablu. Dik il-lejla iddubbajt programm tal-Partit Laburista li tlabt lil Mintoff jiffirmali. Staqsieni biex kont sejjer lura d-dar. Meta għidtlu li b’tal-linja offrieli li jwassalni. Salvu Sant għafas kemm felaħ imma jien u Mintoff wasalna Ħal Tarxien qawwijin u sħaħ. Ġriet l-aħbar fil-PN li l-Perit Dom Mintoff wassal lil Peppinu Cassar id-dar.” (Illum, 24 Frar 2008).

Kif konna qed ngħidu, erbat ijem ilu, Joe Cassar ippubblika artiklu intitolat  “L-għażla ta’ mexxej” , dwar  kif kien intgħazel Eddie Fenech Adami bħala kap tal-Partit Nazzjonalista f’Jannar ta’ l-1977. Ma nafx jekk il-fatt li dan l-artiklu ħareġ proprju f’dawn il-ġranet kienx maħsub għal ta’ l-apposta jew kinitx koinċidenza.

In-narrattiva hija ambjentata fil-perjodu 1971-1977 u ssib il-qofol tagħha f’Jannar ta’ l-1977. Fl-1971,  il-PN immexxi minn George Borg Olivier, kien tilef l-elezzjoni wara disa’ snin fil-gvern. Fl-1976, dejjem taħt it-tmexxija ta’ Borg Olivier, il-PN reġa’ tilef. Kien jidher ċar li mingħajr bidla fit-tmexxija u mingħajr tiġdid mill-qiegħ, il-Partit Nazzjonalista kien sejjer lejn telfa elettorali oħra. L-inizjattiva ta’ Mintoff biex tinbidel il-Kostituzzjoni biex Malta ssir Repubblika ippreċipitat il-kriżi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. “Sploda kollox,” jiftakar Joe Cassar.

Il-bidla fil-Kostituzzjoni fuq kwistjoni daqshekk fondamentali bħad-dikjarazzjoni ta’ Malta bħala Repubblika ma setgħetx isseħħ b’maġġoranza sempliċi iżda riedet bilfors il-kunsens ta’ tnejn minn kull tlieta tad-deputati fil-Parlament Malti. Fil-bidu n-Nazzjonalisti kienu kontra li jintemm l-ordinament monarkiku ta’ pajjizna (fejn ir-Reġina tal-Commonwealth kienet il-Kap ta’ Stat u rappreżentata minn Gvernatur) biex Malta ssir Repubblika. Wara, iżda, ħadu atteġġjament aktar kostruttiv.

Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr. Gorg Borg Olivier ta vot liberu lill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti meta l-Kostituzzjoni l-ġdida ġiet għall-approvazzjoni tal-Kamra biex tkun tista’ tgħaddi mit-Tielet Qari. Dan kien nhar it-13 ta’ Dicembru 1974. Minn parlament ta’ 55 membru, ivvotaw favur 49 u sitta astjenew. Dawn ta’ l-aħħar kienu s-sitt membri Nazzjonalisti, Dr. Gorg Borg Olivier, Dr. Paolo Borg Olivier, Dr. Albert Borg Olivier de Puget, Dr. Alex Cachia Zammit, Dr. Alfred Bonnici u Dr. Joseph Cassar Galea. Ivvotaw favur id-29 membru Laburista u l-20 membru Nazzjonalista. ” [Remig Sacco, L-Elezzjonijet Ġenerali 1849-1986, Klabb Kotba Maltin 1986, p. 247].

Borg Olivier, f’din l-okkazjoni, kien stqarr: “Li nivvotaw skond il-kuxjenza ma jfissirx li għandna ninqasmu, la l-Kamra m’għandha ssir atmosfera ta’ mibgħeda u lanqas il-Partiti, għax kulħadd għandu jagħmel dak li jħoss.” [ikkwotat f’Sacco, p.247]. Imma, evidentement, fi ħdan il-Partit Nazzjonalisti l-għazla ta’ Gorg Borg Olivier li jivvota kontra l-Kostituzzjoni l-ġdida u, għalhekk, kontra l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti li għażlu li jivvotaw favur, kellha konsegwenzi serji.  Joe Cassar jinterpretah hekk: ”…il-vot gie jfisser sfiduċja fih mid-deputati tiegħu stess.” Beda proċess twil (sentejn sħaħ) u kumpless biex jinbidel il-kap tal-Partit Nazzjonalista. Fl-aħħar, fl-8 ta’ Diċembru 1976, il-Kunsill iddeċieda li jaħtar Kap Suċċessur.

Kien hemm tlett persuni papabbli. L-aktar anzjan kien Censu Tabone, li twieled fl-1913 u li, għalhekk, fl-1976 kellu 63 sena.  Tabone kien Għawdxi imma l-ħajja politika tiegħu qattagħha Malta, bħala deputat għal tas-Sliema, San Gilljan, l-iMsida u l-Gżira. Warajh kien hemm Guido de Marco, Belti, li twieled fl-1931 u li, għalhekk, kellu 45 sena. L-iżgħar wieħed kien Eddie Fenech Adami, 42 sena, minn Birkirkara, imwieled fl-1934. Cassar jgħidilna li “Iż-żgħażagħ tal-partit kienu kważi kollha ma’ Eddie u organizzawlu l-kampanja. Sħaqna fuq il-ħtieġa ta’ bidla li twassal għal rebħa ta’ l-elezzjoni u tibdil mill-għeruq fl-ideali u l-ħsibijiet.”

Ma jidhirx li kien proċess pjacevoli u ta’ dibattitu amikevoli.  Kienet taqbida politika ħarxa. Min jistgħaġeb ma għandu ebda idea ta’ x’inhi l-politika. L-attivisti ta’ madwar Eddie kienu fil-mira tal-kritika ta’ l-anzjani tal-PN: “Man-nies ta’ Gorg ma seta’ jsir l-ebda djalogu”, jiftakar Joe Cassar, “(u) lilna, l-aktar lili u lil Louis Galea, qatt ma rawna sbieħ.”  Imma ż-żgħażagħ ta’ Eddie (li kienu jinkludu wkoll lil Noel Buttiġieġ Scicluna u John Camilleri) kienu fiduċjuzi, minkejja li s-segwaċi ta’ Borg Olivier kienu ser jivvotaw għal de Marco: “Bil-kalkoli li għamilna fhimna li Eddie kien se jirbaħ” .  L-ewwel rawnd sar fit-2 ta’ Jannar 1977.  Fenech Adami ġab il-maġġoranza tal-voti tal-Kunsilliera imma mhux iż-żewġ terzi meħtieġa.

Ir-rawnd ta’ wara kien bejn de Marco u Fenech Adami għaliex Tabone waqa’ fl-ewwel waħda. Parti mill-voti ta’ Tabone għaddew għand Fenech Adami. Fis-16 ta’ Jannar, de Marco u Tabone ddikjaraw li kienu se jivvotaw għall-Fenech Adami u b’hekk Eddie kiseb il-maġġoranza meħtieġa ta’ żewġ terzi. Miktuba hekk tinstema ħaġa sempliċi, diskussjoni bejn il-galantomi. Imma anki jekk Cassar joqgħod attent kif jesprimi ruħu, huwa ċar li ma kienx proċess paċifiku. “Tlett xhur ta’ tbatija,” jgħidilna Peppinu Cassar.

Kos, immaġinaw kieku Cassar, Galea, Camilleri u Buttigieg Scicluna – iż-żgħażagħ ta’ madwar Fenech Adami – kellhom ibaxxu rashom għall-pressjoni kbira (politika u soċjali) li saritilhom biex ikun jista’ jirbaħ xi ħadd aktar stabbilit. Forsi, minflok  Eddie, il-kap il-ġdid tal-PN wara Borg Olivier kien ikun Censu Tabone li, fl-elezzjoni ta’ l-1981 kien ikollu 68 sena. Cassar jgħidilna li kien hemm fil-fatt proposta min-naħa ta’ Tabone li jekk Fenech Adami ma jikkontestahx u jitla’ Tabone, dan kien eventwalment jgħaddilu t-tmexxija. “Hu (ċertu Cuschieri, portavuċi ta’ Tabone) qalli li Censu kien lest li jekk isir kap jibqa’ kap sakemm il-Partit jibqa’ fl-Oppożizzjoni u wara jħalli t-tmun f’idejn Eddie”.

Nota: Kull kwotazzjoni mill-kitba ta’ Joe Cassar, jekk mhux indikat mod ieħor, tirreferi għall-artiklu ta’ illum, 1 ta’ Gunju, 2008, p.9

* ‘Issellifna’ dan ir-ritratt mill-website ta’ Dr. Galea. Sibnih ftit minuti qabel ma’ hrigna online u ghalhekk ma’ kelniex cans niktbulu biex nitolbuh permess. Behsiebna nghamlu hekk minnufih, sadanittant nirringrazzjawh bil-quddiem.

 

 

Advertisements

6 Responses to “It-tbatija tat-tiġdid: ‘Peppinu’ Cassar dwar kif intgħażel Eddie Fenech Adami fl-1977”

  1. Karl Camilleri said

    This is real cool! You guys mustn’t even dream of quitting after Labour’s leadership race is over! We the political orphans of this Country need you!

    Karl Camilleri

  2. Manfred Mizzi said

    Yeah, what’s this about quitting? OK, perhaps the blog’s name will need to change (once Labour gives birth to a leader will it still be in labour?) but there’s no other online publication (nor any other sort of publication, period) that reaches the parts you have reached!
    I vote for Labour-in-labour!

    Manfred Mizzi

  3. Manfred Mizzi said

    Ghogbitni din: “Hu (ċertu Cuschieri, portavuċi ta’ Tabone) qalli li Censu kien lest li jekk isir kap jibqa’ kap sakemm il-Partit jibqa’ fl-Oppożizzjoni u wara jħalli t-tmun f’idejn Eddie”. Tridx tara li din il-proposata ta’ l-1977, Censu Tabone ikkupjaha mill-persuna jew persuni li ghamlu din il-proposta lil xi hadd iehor fl-2007?

    Manfred Mizzi

  4. The blog post “It-tbatija tat-tiġdid: ‘Peppinu’ Cassar dwar kif intgħażel Eddie Fenech Adami fl-1977” is featured on Maltamedia: The Maltese Blogosphere

    – Nominate blog post of the month –

  5. George Grech said

    This is the stuff that human nature is made off! Who knows what goes on at the Cappella Sistina when one of the “papabbli” is chosen amongst the different factions of the church. Do they choose on latitude-north or south?; do they choose on longitude east or west?; or do they choose on left or right?. There is one thing for sure, changing needs thinking outside the box, and also using parts of the brain which probably were previously only used for unidentified functions. This evening is the beginning of a long journey: only sturdy, intelligent and capable pathfinders need to be chosen. Let us hope that our delegates will be wise enough to choose intelligence, strength, loyalty and youth.

    George Grech

  6. J.G.Vassallo said

    Welcome back. There is no better time than this to wade in and splash in the refreshed Maltese political pool.
    All the evidence suggests that the electorate is liking the climate change.
    J.G.Vassallo

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

 
%d bloggers like this: